Il-konklużjoni tad-dibattitu dwar l-indirizzar tal-mibegħda fis-soċjetà

Wara xhur ta’ kontributi u deliberazzjonijiet intuwittivi, il-Pjattaforma għall-Involviment taċ-Ċittadini għalqet id-dibattitu dwar l-indirizzar tal-mibegħda fis-soċjetà. Iċ-ċittadini mill-Ewropa kollha semmgħu leħinhom dwar id-diversi kawżi tal-mibegħda u l-elementi li jixprunawha, u dwar oqsma differenti ta’ azzjoni biex jindirizzawhom.
L-ideat li tressqu miċ-ċittadini fil-Pjattaforma servew bħala bażi għad-diskussjonijiet tal-Panel taċ-Ċittadini Ewropej dwar l-Indirizzar tal-Mibegħda fis-Soċjetà. Il-Kummissjoni Ewropea se ssegwi dawn ir-riżultati, li min-naħa tagħhom se jgħinu biex jiggwidaw inizjattivi futuri tal-Kummissjoni.
Ir-rapport finali dwar ir-riżultati tad-dibattitu jinstab fit-taqsima tad-dokumenti, hawn taħt.
Għaliex qed niddiskutu l-mibegħda fis-soċjetà?

L-Ewropa llum qed tesperjenza żieda allarmanti fid-diskors ta’ mibegħda u fir-reati ta’ mibegħda. Il-mibegħda mhux biss tagħmel ħsara lil dawk li jkunu direttament fil-mira iżda thedded ukoll il-koeżjoni soċjali u d-dibattitu demokratiku.
F’Diċembru 2023, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-Komunikazzjoni Ma hemmx post għall-mibegħda: Ewropa magħquda kontra l-mibegħda, li tappella għal diskussjoni mmexxija miċ-ċittadini dwar kif ngħaddu mill-firda għar-rispett, għad-dinjità, u għall-ugwaljanza — valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Bħala parti minn dan il-proċess, 150 ċittadin mill-Istati Membri kollha żviluppaw 21 rakkomandazzjoni azzjonabbli. Dawn kienu jinkludu l-immodernizzar tad-definizzjoni tal-UE tad-diskors ta’ mibegħda, it-tisħiħ tas-sistemi ta’ appoġġ għall-vittmi, il-promozzjoni tal-edukazzjoni inklużiva, u t-tnedija ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni biex tiġi miġġielda l-mibegħda kemm online kif ukoll offline.
Nindirizzaw il-mibegħda: X’riskji hemm?

Filwaqt li mhuwiex faċli li nkunu nafu kemm hi mifruxa l-mibegħda, xi ċifri jistgħu jgħinuna nieħdu idea:
- Minn 8 miljun messaġġ online analizzati fl-UE jirriżulta li t-tossiċità f’termini ta’ mibegħda żdiedet bi 30% bejn Jannar u Settembru 2023.
- 55% ta’ dawk li ħadu sehem fi stħarriġ tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali esperjenzaw diskriminazzjoni razzjali fl-UE aktar minn tliet darbiet bejn l-2022 u l-2023.
- Waħda minn kull tliet nisa esperjenzat vjolenza fiżika jew sesswali mill-inqas darba.
Kif nistgħu nindirizzaw id-diskors ta’ mibegħda u reati ta’ mibegħda?

Tlabna l-ideat u l-esperjenzi personali tan-nies dwar kif nistgħu nsaħħu r-rispett reċiproku fil-komunitajiet tagħna. Fuq perjodu ta’ 10 xhur, il-pubbliku kelli l-opportunità li jieħu sehem fid-dibattitu u jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kif il-Kummissjoni Ewropea tista’ tindirizza l-mibegħda fis-soċjetà. Uħud mir-rakkomandazzjonijiet ewlenin li ħarġu mid-dibattitu kienu jinkludu:
- Is-sensibilizzazzjoni permezz tal-edukazzjoni u ta’ dibattitu responsabbli
- Il-promozzjoni tal-inklużjoni u tal-għaqda billi jinħoloq sens ta’ appartenenza fil-komunitajiet tagħna
It-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi u l-inkoraġġiment tar-rispett u tat-tolleranza
Ikklikkja fuq “Sir af aktar” biex tesplora d-diskussjoni kollha kemm hi.
X’għamlet s’issa l-UE dwar din il-kwistjoni?

Il-qafas għal azzjoni kontra l-mibegħda fil-livell tal-UE jinkludi kemm inizjattivi regolatorji kif ukoll ta’ politika. Il-ħarsa ġenerali ta’ hawn taħt mhijiex eżawrjenti: segwi dan il-link biex taqra aktar dwar il-qafas legali u ta’ politika għall-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda fl-UE.
Miżuri eżistenti għall-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda
- Deċiżjoni Qafas tal-2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom ta’ espressjonijiet ta’ razziżmu u ksenofobija
- Il-komunikazzjoni ta’ Diċembru 2023 “Ma hemmx post għall-mibegħda: Ewropa magħquda kontra l-mibegħda”
- Strateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-antisemitiżmu u t-trawwim tal-ħajja Lhudija
- Qafas strateġiku tal-UE għar-Rom għall-ugwaljanza, għall-inklużjoni u għall-parteċipazzjoni
- Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra r-Razziżmu
Miżuri biex jiġi indirizzat id-diskors illegali ta’ mibegħda online
Il-Panel taċ-Ċittadini Ewropej dwar l-Indirizzar tal-Mibegħda fis-Soċjetà ppreżenta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea

Matul tliet weekends 150 ċittadin magħżulin b’mod aleatorju li jirrappreżentaw is-27 Stat Membru kollha tal-UE kienu qed jiltaqgħu biex jiddiskutu l-kawżi u dak li jixpruna l-mibegħda fl-UE u oqsma differenti ta’ azzjoni biex jindirizzawhom.
Flimkien, iċ-ċittadini ressqu serje ta’ rakkomandazzjonijiet konkreti li se jikkontribwixxu għat-tiswir tal-liġijiet futuri tal-UE u jikkontribwixxu għall-inizjattivi li ġejjin tal-Kummissjoni.