Il-Panel taċ-Ċittadini Ewropej dwar l-Indirizzar tal-Mibegħda fis-Soċjetà ppreżenta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea
Matul tliet weekends 150 ċittadini magħżula b’mod aleatorju li jirrappreżentaw is-27 Stat Membru kollha tal-UE kienu qed jiltaqgħu biex jiddiskutu l-kawżi u dak li jixpruna l-mibegħda fl-UE u oqsma differenti ta’ azzjoni biex jindirizzawhom.
Flimkien, iċ-ċittadini ressqu serje ta’ rakkomandazzjonijiet konkreti li se jikkontribwixxu għat-tiswir tal-liġijiet futuri tal-UE u jikkontribwixxu għall-inizjattivi li ġejjin tal-Kummissjoni.
X’inhuma l-Panels taċ-Ċittadini Ewropej?
Il-Panels taċ-ċittadini qed isiru karatteristika regolari tal-ħajja demokratika fl-Unjoni Ewropea (UE). Dawn ilaqqgħu flimkien ċittadini magħżula b’mod aleatorju mis-27 stat membru kollha biex jiddiskutu – fil-livell Ewropew – proposti ewlenin li jmiss li jaffettwawna lkoll.
Fil-Panels taċ-ċittadini Ewropej il-parteċipanti jaħdmu flimkien fi gruppi żgħar (kull wieħed ta' madwar 12-il persuna) u kollha flimkien (f’plenarji). Tim ta’ faċilitazzjoni jipprovdi appoġġ. Abbażi tad-diskussjonijiet, iċ-ċittadini jagħmlu rakkomandazzjonijiet li l-Kummissjoni Ewropea tqis meta tiddefinixxi l-politiki u l-inizjattivi.
Minn nofs Diċembru 2022 sal-aħħar ta’ April 2023, tliet panels – kull wieħed b’madwar 150 parteċipant – kellhom l-opportunità jiżviluppaw rakkomandazzjonijiet konkreti għal xi wħud mill-inizjattivi ewlenin tal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2023. L-ewwel sett ta’ panels taċ-ċittadini indirizzaw il-kwistjonijiet tal-ħela tal-ikel, id-dinjiet virtwali u l-mobbiltà għat-tagħlim.
Kif jaħdem Panel taċ-ċittadini?
- Sessjoni 1Ġenerazzjoni ta’ ideat
L-għan tal-ewwel sessjoni hu li joħorġu l-ideat u jinbnew u jinġabru approċċi li ċ-ċittadini jsibu l-aktar promettenti għal diskussjonijiet futuri fis-sessjonijiet li jmiss.
- Sessjoni 2Rieżami u rfinar
L-għan ta’ din is-sessjoni hu li tibni fuq l-approċċi maqbula fl-ewwel sessjoni u jiġu abbozzati r-rakkomandazzjonijiet inizjali taċ-ċittadini. Wara proċess iterattiv ta’ “rieżami bejn il-pari”, iċ-ċittadini fi gruppi ta’ ħidma jirrieżaminaw u jibnu fuq il-ħidma ta’ xulxin, u jressqu ideat ġodda. Dawn jikkostitwixxu l-bażi biex il-panel jiżviluppa r-rakkomandazzjonijiet finali tiegħu, matul is-sessjoni tal-għeluq.
- Sessjoni tal-għeluqKonklużjoni
Is-sessjoni tal-għeluq tippreżenta l-konklużjonijiet tad-dibattiti, flimkien mar-rakkomandazzjonijiet tal-panel, lill-Kummissjoni Ewropea, bħala parti mill-pakkett li jakkumpanja l-proposti rilevanti.
Il-parteċipanti fil-ġenerazzjoni l-ġdida tal-Panels taċ-Ċittadini jiġu reklutati permezz ta’ għażla aleatorja. Il-parteċipanti potenzjali jiġu kkuntattjati bit-telefown. Dawk li jirreklutaw jużaw għodod li jiġġeneraw numri tat-telefown validi b’mod aleatorju (inklużi kemm in-numri tat-telefown ċellulari kif ukoll dawk tal-linja fissa). B’dan il-mod, jinħoloq grupp imħallat u rappreżentattiv. Sabiex jiġi żgurat li l-panels jirriflettu kemm jista’ jkun il-kompożizzjoni soċjodemografika tal-UE, il-proċess jiżgura li r-reklutaġġ ikun rappreżentattiv.
Iċ-ċifri tar-reklutaġġ fil-mira jikkombinaw data minn:
- l-Ewrobarometru, l-istħarriġ annwali tal-opinjoni pubblika tal-Unjoni Ewropea, u
- l-Eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-UE.
Sistema ta’ kwoti tiżgura panel ibbilanċjat bejn il-ġeneri, u tispeċifika li ż-żgħażagħ ta’ bejn 16 u 25 sena jirrappreżentaw terz tal-panel. Karatteristiċi soċjodemografiċi oħra li nqisu huma relatati ma’:
- il-livell tal-edukazzjoni
- il-lokalità ġeografika
- l-impjieg.
Il-parteċipanti minn kull Stat Membru jiġu reklutati fi proporzjon mal-popolazzjoni ta’ dak l-Istat Membru, filwaqt li tiġi żgurata rappreżentanza proporzjonali fi gruppi differenti. Għal pajjiżi iżgħar b’inqas parteċipanti, il-kategoriji huma koperti bejn il-panels, sabiex pajjiżi iżgħar ikunu rappreżentati.
Il-proċess tal-għażla jiġġedded kompletament għal kull panel ġdid.
Ir-reklutaġġ ta’ panels rappreżentattivi u diversi huwa essenzjali biex jiġu ffaċilitati diskussjonijiet vibranti u jiġi żgurat li dawk id-diskussjonijiet jirriflettu varjetà wiesgħa ta’ perspettivi u opinjonijiet.
Panels konklużi
Kif tista’ l-UE tindirizza l-mibegħda fis-soċjetà?
Kif tista’ l-UE twassal il-benefiċċji tal-effiċjenza enerġetika liċ-ċittadini, lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-intrapriżi?
Kif nistgħu nagħmlu l-opportunitajiet tal-mobbiltà għat-tagħlim realtà għal kulħadd?
Liema viżjoni, prinċipji u azzjonijiet għandhom jiggwidaw l-iżvilupp ta’ dinjiet virtwali mixtieqa u ġusti?
X’azzjonijiet għandhom jittieħdu mill-Istati Membri tal-UE, mill-atturi fil-katina tal-provvista tal-ikel, miċ-ċittadini u mill-partijiet ikkonċernati privati u pubbliċi oħrajn sabiex jiżdied l-isforz biex titnaqqas il-ħela tal-ikel?