Il-konklużjoni tad-dibattitu dwar l-ekwità interġenerazzjonali

Id-dibattitu tnieda biex isostni t-tfassil ta’ Strateġija dwar l-Ekwità Interġenerazzjonali u kien pass sinifikanti ’l quddiem f’dan il-proċess.
Il-parteċipanti minn madwar l-UE ttrattaw firxa ta’ suġġetti relatati mal-ekwità interġenerazzjonali: mill-koeżjoni soċjali, id-demokrazija, u l-governanza, għas-sostenibbiltà ambjentali u ekonomika, kif ukoll is-sistemi tas-servizzi tas-saħħa u tal-edukazzjoni.
Id-dibattitu juri l-ħtieġa għal Ewropa aktar ekwa, sostenibbli, u koeżiva li tappoġġa lill-ġenerazzjonijiet kollha sabiex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin biex naslu biex ikollna l-ekwità interġenerazzjonali.
Il-Kummissjoni kif se ssegwi l-ideat miġbura?
Issa li ntemm id-dibattitu, l-ideat ippreżentati miċ-ċittadini fuq il-Pjattaforma se jgħinu biex jittieħdu l-passi li jmiss. Il-fehmiet tiegħek huma kruċjali biex jiġi żgurat li jingħata kas tal-ekwità interġenerazzjonali meta l-Kummissjoni Ewropea tmexxi l-istrateġija ’l quddiem.
Skopri d-dibattitu u l-avvenimenti dwar l-ekwità interġenerazzjonali fejn iċ-ċittadini pparteċipaw f’diskussjonijiet u attivitajiet li saru madwarek u online.
Ir-riżultati tad-dibattitu jinstabu fir-rapport finali fit-taqsima Dokumenti hawn taħt.
L-ekwità interġenerazzjonali: x'riskji hemm?

Ninsabu f’mument kruċjali fl-istorja għax qatt daqs illum ma kienu jikkoeżistu daqstant ġenerazzjonijiet. Fid-dawl tal-isfidi klimatiċi, ekonomiċi, u demografiċi li qed niffaċċjaw, huwa kruċjali li l-ebda ġenerazzjoni — tal-lum jew tal-futur – ma titħalla taqa’ lura.
Ilkoll kemm aħna, żgħażagħ u inqas żgħażagħ, għandha interess dirett f’dak li se jġib miegħu l-futur u f’kif nixtiequ li jkun. L-istess jgħodd għall-ġenerazzjonijiet futuri — dawk li għadhom ma twildux.
Huwa għalhekk li jenħtieġ li numru kemm jista’ jkun kbir ta’ ċittadini tal-UE jsemmgħu leħinhom dwar il-preżent u dwar il-futur.
Iċ-ċittadini ta’ kwalunkwe età u ġenerazzjoni għandhom id-dritt li jgħixu f’dinja nadifa, prospera, u ġusta.
Jekk naġixxu issa, flimkien, dan il-futur nistgħu nagħmluh realtà.
Kronoloġija
Minn Frar sa Novembru 2025 tfasslet l-istrateġija, f’kollaborazzjoni miegħek:
- Frar – AprilNiddefinixxu l-ambitu
X’nifhmu b’ekwità interġenerazzjonali? X’inizjattivi jeżistu diġà?
- Ġunju – LuljuNelaboraw il-viżjoni
Kif timmaġinaha? Għaliex?
- Awwissu – OttubruIdeat għall-istrateġija
X’inhuma l-ideat, il-valuri, il-ħtiġijiet, u l-azzjonijiet ewlenin?
- Ottubru – NovembruNoħolqu l-istrateġija flimkien
Fejn irridu mmorru? X’toroq għandna nieħdu?
Definizzjoni tal-ambitu: sommarju tal-fehmiet u tal-ideat
Ninsabu entużjasti biex nagħtu informazzjoni dwar il-progress li sar fil-fażi tad-definizzjoni tal-ambitu, li biha identifikajna l-għeruq tal-problemi li qed jiżdiedu b’rabta mal-ekwità interġenerazzjonali, kif ukoll oqsma rilevanti fejn hemm bżonn li tittieħed azzjoni. Ir-riżultati tal-fażi tad-definizzjoni tal-ambitu, kif ukoll l-analiżi tal-kontribuzzjonijiet tiegħek għaliha, jinsabu fit-taqsima tad-dokumenti hawn taħt.
Nelaboraw il-viżjoni: nimmaġinaw futur ikkaratterizzat mill-ekwità interġenerazzjonali
Fil-fażi tat-tiswir tal-viżjoni, tlabnik timmaġina kif jista’ jkun futur ikkaratterizzat mill-ekwità interġenerazzjonali. Inti qsamt l-ideat tiegħek dwar kif nies ta’ etajiet differenti jistgħu jidħlu f’ħajjet xulxin u kif wieħed jista’ jibni rabtiet mal-ġenerazzjonijiet tal-passat u tal-futur. Bl-għajnuna ta’ kittieba letterarji, se nużaw il-kontribuzzjonijiet tiegħek biex noħolqu stejjer stimulanti dwar futuri aktar ġusti. Ir-riżultati ta’ din il-fażi se joħorġu dalwaqt; żomm ruħek aġġornat.
Ideat għall-istrateġija: x’nistgħu nagħmlu biex il-viżjonijiet tagħna nagħmluhom realtà
Din il-fażi fil-proċess kienet tirrigwarda l-“ideat għall-istrateġija”. Ħsibna dwar ideat u azzjonijiet ewlenin li jistgħu jitwettqu biex il-viżjonijiet li sawwarna u qsamna bejnietna nagħmluhom realtà.
Noħolqu l-istrateġija flimkien: iċ-ċittadini fuq quddiem
F’din l-aħħar fażi stedinna liċ-ċittadini jipparteċipaw fil-Panel taċ-Ċittadini Ewropej dwar il-Ġustizzja Interġenerazzjonali biex jibnu fuq il-ħidma mwettqa fil-fażijiet preċedenti filwaqt li jġibu wkoll ideat ġodda u jesploraw oqsma ġodda li kien jistħoqqilhom l-attenzjoni. Il-viżjoni, il-prijoritajiet, u r-rakkomandazzjonijiet kollettivi taċ-ċittadini se jikkontribwixxu għar-riflessjonijiet dwar l-abbozzar tal-Istrateġija għall-Ekwità Interġenerazzjonali.
Għaliex għandna bżonnha?
Kont taf?
- Inqas minn nofs l-Ewropej jemmnu li s-soċjetà hija ġusta u ugwali (sors: Ewrobarometru – 2022)
- B’mod ġenerali, il-pajjiżi b’inqas inugwaljanzi relatati mal-età għandhom livelli ogħla ta’ sodisfazzjon tal-ħajja (sors: OECD – 2020)
- Il-gvernijiet li jibbilanċjaw il-ħtiġijiet u l-interessi tal-ġenerazzjonijiet preżenti u ta’ dawk futuri jgawdu livelli ogħla ta’ fiduċja (sors: OECD – 2023)

