Għaliex qed niddiskutu l-baġit Ewropew?
L-Ewropa tinsab f’era ta’ bidla kbira għas-soċjetà li tolqot is-sigurtà, il-pjaneta, l-ekonomija, id-demokrazija u l-prosperità tagħna. Nistgħu nindirizzaw dawk l-isfidi globali biss permezz ta’ azzjoni konġunta mill-Ewropej kollha. U l-baġit Ewropew hu wieħed mill-motivazzjonijiet ewlenin wara l-azzjoni Ewropea.
Il-baġit Ewropew għandu l-għan li jappoġġa l-prijoritajiet politiċi tagħna. Billi niġbru flimkien ir-riżorsi finanzjarji, nistgħu niġġieldu aħjar l-isfidi komuni u noħolqu impatt pożittiv u dirett fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini.
Fl-2025, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta għal baġit Ewropew ġdid fit-tul li jibda fl-2028, u li mbagħad jiġi deċiż mill-Parlament Ewropew u l-Istati Membri. Il-baġit Ewropew fit-tul jeħtieġ l-approvazzjoni unanima tal-Istati Membri kollha tiegħu kif ukoll il-maġġoranza tal-Membri tal-Parlament Ewropew.
Din hija opportunità biex niftiehmu dwar baġit Ewropew b’saħħtu u modern adattat għall-ambizzjonijiet tagħna.

Kif nista’ ningħaqad fid-dibattitu fl-UE kollha dwar il-baġit il-ġdid?
Nixtiequ niddibattu miegħek. Dan jgħinna niddeterminaw aħjar kif nistgħu nużaw il-baġit Ewropew fil-ġejjieni bl-aħjar mod possibbli .
Kif nistgħu nisfruttaw kemm jista’ jkun kull Euro tal-baġit Ewropew? Il-baġit kif jista’ jirrifletti l-ħtiġijiet differenti tal-Ewropej u jgħaqqadna fid-diversità? Għandek xi ideat dwar kif il-baġit Ewropew jista’ jagħmel differenza diretta u pożittiva f’ħajtek? Kif jista’ jindirizza bl-aħjar mod l-isfidi komuni Ewropej?
Dan huwa l-ispazju għal dibattitu rispettuż fejn tista’ taqsam fehmietek u tinvolvi ruħek ma’ ċittadini oħra.
Ingħaqad fid-dibatittu u għinna niżguraw li l-azzjonijiet li nieħdu llum se jsaħħu l-Ewropa t’għada.

Il-Kummissjoni kif se ssegwi l-ideat miġbura?
Nixtiequ nisimgħu fehmietek biex tgħinna niddefinixxu l-baġit tal-ġejjieni tal-Unjoni. L-għarfien tiegħek kruċjali biex jiġi żgurat li l-baġit Ewropew jissodisfa l-ħtiġijiet u joħloq bidla sinifikanti.
Il-kontribuzzjonijiet li jsiru fil-Pjattaforma se jitqiesu mill-Kummissjoni fit-tħejjija tal-proposta għall-baġit Ewropew il-ġdid.
Kronoloġija
- Frar – MejjuDibattitu online
Iċ-ċittadini jagħtu l-kontribuzzjonijiet tagħhom, jikkummentawhom u jivvutawlhom fuq il-Pjattaforma għall-Involviment taċ-Ċittadini, kemm permezz ta’ kontribuzzjonijiet individwali kif ukoll bħala riżultat ta’ ħidma kollettiva, pereżempju fl-għamla ta’ avveniment parteċipattiv.
- Marzu – MejjuPanel taċ-Ċittadini
Il-kontribuzzjonijiet online jikkontribwixxu għad-diskussjonijiet tal-panel u fl-aħħar mill-aħħar fit-tfassil tal-politika Ewropea.
- LuljuProposta
Il-Kummissjoni tippubblika l-proposta għall-baġit Ewropew il-ġdid.
Baġit Ewropew: X’inhuma r-riskji?
Il-baġit Ewropew fit-tul jiddefinixxi d-daqs tal-baġit u fuq xiex jintefaq għal diversi snin. Il-baġit fit-tul attwali hu għall-perjodu mill-2021 sal-2027 u jammonta għal EUR 1.2 triljun, li bejn wieħed u ieħor jirrappreżenta 1 % tal-PDG tal-UE. Dan jiżdied b’madwar EUR 800 biljun minn NextGenerationEU, li huwa strument temporanju biex jippromwovi l-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19.
Il-baġit Ewropew wera li jipprovdi r-riżultati liċ-ċittadini. Pereżempju, billi jiffinanzja proġetti u attivitajiet li jappoġġaw l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tar-reġjuni Ewropej, li jappoġġaw lill-bdiewa u liż-żoni rurali, li jipproteġu l-ambjent u li jiġġieldu t-tibdil fil-klima, li jippromwovu t-tranżizzjoni diġitali tas-soċjetajiet tagħna, u li jappoġġaw ir-riċerka u l-innovazzjoni. U f’dawn l-aħħar snin sar vitali fi żminijiet ta’ kriżi, bħall-pandemija tal-COVID-19, l-invażoni Russa tal-Ukrajna, l-appoġġ għall-indipendenza enerġetika tagħna u l-appoġġ lill-Ukrajna.

Bis-saħħa tal-appoġġ mogħti mill-baġit Ewropew:
- kull sena jiġu evitati 87 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ diossidu tal-karbonju.
- mill-ħolqien tal-Erasmus fl-1987 ’l hawn, ħadu sehem fih 16-il miljun persuna.
- Fl-2022, 5.8 miljun bidwi bbenefikaw minn appoġġ finanzjarju dirett mill-Politika Agrikola Komuni.
Konsultazzjoni pubblika online
Minbarra li tesprimi fehmietek fid-dibattitu f’din il-Pjattaforma, tista’ tipparteċipa wkoll fil-konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar dan is-suġġett.