Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Pjattaforma għall-Involviment taċ-Ċittadini

Il-protezzjoni tad-data personali tiegħek

Din l-istqarrija ta’ privatezza tipprovdi informazzjoni dwar l-ipproċessar u l-protezzjoni tad-data personali tiegħek.

Operazzjoni tal-ipproċessar: Pjattaforma għall-Involviment taċ-Ċittadini

Kontrollur tad-Data: Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni 

L-Unità COMM.B.3

Referenza tar-reġistrazzjoni:  DPR-EC-23208

1. Introduzzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “il-Kummissjoni”) hija impenjata li tipproteġi d-data personali tiegħek u li tirrispetta l-privatezza tiegħek. Il-Kummissjoni tiġbor id-data personali u tkompli tipproċessaha skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data (li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001).

Din l-istqarrija ta’ privatezza tispjega għalfejn nipproċessaw id-data personali tiegħek, il-mod kif niġbru u nittrattaw id-data personali kollha li tingħata, u kif niżguraw il-protezzjoni tagħha, kif tintuża dik l-informazzjoni, u x’inhuma d-drittijiet tiegħek b’rabta mad-data personali tiegħek. Tispeċifika wkoll id-dettalji tal-kuntatt tal-Kontrollur tad-Data responsabbli li tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek miegħu, tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data, u tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

Din l-istqarrija ta' privatezza tikkonċerna l-ipproċessar ta’ data personali mill-Kummissjoni fil-ġestjoni tal-Pjattaforma għall-Involviment taċ-Ċittadini, li hija operata mid-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, l-Unità COMM.B.3, u mill-unitajiet inkarigati mill-attivitajiet ta’ pproċessar relatati mal-Pjattaforma għall-Involviment taċ-Ċittadini fid-dipartiment jew servizz kompetenti tal-Kummissjoni.

2. Għaliex u kif nipproċessaw id-data personali tiegħek?

L-għan tal-operazzjoni ta’ pproċessar huwa li tiffaċilita l-operat u l-ġestjoni tal-Pjattaforma għall-Involviment taċ-Ċittadini. Il-pjattaforma għall-Involviment taċ-Ċittadini hija inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea, li tlaqqa’ flimkien ċittadini minn madwar l-Ewropa kollha biex jiddibattu flimkien dwar il-politiki futuri tal-Unjoni Ewropea.

B’mod speċifiku, il-ġbir u l-ipproċessar ulterjuri tad-data personali huma neċessarji biex:

  • jiġu ffaċilitati l-proċedura tar-reġistrazzjoni u l-aċċess għall-Pjattaforma għall-Involviment taċ-Ċittadini;
  • tingħata informazzjoni rilevanti lill-parteċipanti dwar l-avvenimenti ppjanati u tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni f’attivitajiet online organizzati fil-qafas tad-djalogu tal-Kummissjoni Ewropea maċ-ċittadini, jiġifieri l-Panels taċ-Ċittadini tal-UE, u formati oħrajn ta’ parteċipazzjoni;
  • isiru attivitajiet ta’ komunikazzjoni bħal pereżempju li jintbagħtu emails u stediniet (dan jinvolvi l-ġestjoni ta’ listi tal-kuntatti għall-korrispondenza);
  • l-eżiti tad-dibattiti jinġabru f’post wieħed;
  • isir skambju ta’ dokumenti relatati mal-Pjattaforma għall-Involviment taċ-Ċittadini għal skopijiet ta’ komunikazzjoni u ppjanar, ta’ superviżjoni interna tal-avvenimenti, ta’ komunikazzjoni ta’ avvenimenti futuri, u ta’ statistika;
  • ikun hemm dokumentazzjoni tal-Pjattaforma għall-Involviment taċ-Ċittadini, jiġu ppubblikati r-rapporti, avviżi, proċedimenti, aħbarijiet;
  • isiru reġistrazzjonijiet bl-awdjo u bil-vidjo ta’ kelliema, parteċipanti, u organizzaturi li jistgħu jiġu ppubblikati fuq il-Pjattaforma għall-Involviment taċ-Ċittadini/l-internet/l-intranet fil-kuntest tal-attivitajiet organizzati fil-qafas tal-Pjattaforma għall-Involviment taċ-Ċittadini;
  • jiġu ssodisfati l-għanijiet statistiċi u analitiċi;
  • il-funzjonament u l-manutenzjoni tal-Pjattaforma għall-Involviment taċ-Ċittadini jkunu siguri.

Il-Pjattaforma għall-Involviment taċ-Ċittadini hi interfaċċa interattiva għall-utenti tal-web li tippermetti liċ-ċittadini u lill-organizzazzjonijiet jipparteċipaw b’mod attiv fl-attivitajiet online tal-Pjattaforma (eż. biex jirreġistraw għal avveniment, itellgħu informazzjoni dwar il-Pjattaforma (aġendi, rapporti eċċ.), jissottomettu u jiddiskutu l-ideat u japprovaw jew jikkummentaw dwar kontribuzzjonijiet ta’ utenti oħrajn). Il-Pjattaforma għall-Involviment taċ-Ċittadini hija bla ħlas u disponibbli għall-pubbliku. L-utenti kollha, reġistrati jew mhux, jistgħu jaċċessaw u jibbrawżjaw il-Pjattaforma għall-Involviment taċ-Ċittadini (l-indirizz IP u/jew l-ID tal-apparat huma meħtieġa biex tibbrawżja l-website). Biex tikkontribwixxi fuq il-Pjattaforma għall-Involviment taċ-Ċittadini trid tirreġistra minn qabel.

Il-kontenut disponibbli permezz tal-Pjattaforma għall-Involviment taċ-Ċittadini jista’ jiġi pproċessat minn sistema awtomatizzata għall-analiżi tal-kontenut użata biex tgħin lill-analisti jifhmu volumi kbar ta’ kontribuzzjonijiet bil-kitba u biex jinqabdu każijiet li jistgħu jinvolvu diżinformazzjoni u forom oħrajn ta’ manipulazzjoni tad-diskussjonijiet. Fil-kuntest tal-Pjattaforma għall-Involviment taċ-Ċittadini, l-għodda ta’ analiżi tal-kontenut se tintuża biex: 

  • tgħin lill-analisti umani sabiex jifhmu l-kontribuzzjonijiet ta’ kontenut għall-Pjattaforma għall-Involviment taċ-Ċittadini (pereżempju billi jiġu enfasizzati suġġetti emerġenti, il-kontribuzzjonijiet jiġu organizzati f’kategoriji, jiġu mifhumin l-emozzjonijiet u l-valuri espressi fit-test) biex isservi ta’ sostenn għall-ġenerazzjoni ta’ riżultati tar-riċerka dwar il-politiki u dwar l-opinjonijiet kif ukoll għall-produzzjoni tal-istatistika;
  • jinstab u tintefa’ l-attenzjoni fuq kontenut potenzjalment problematiku mtella’ fil-Pjattaforma għall-Involviment taċ-Ċittadini (inkluża l-possibbiltà ta’ miżinformazzjoni u tentattivi oħrajn biex jiġu mmanipulati d-diskussjonijiet fil-Pjattaforma u l-opinjoni pubblika, u inkluża r-riċerka dwar id-detezzjoni tad-diskors ta’ mibegħda u tal-estremiżmu vjolenti);
  • jingħata t-taħriġ u titjieb il-prestazzjoni tas-sistema tal-analiżi tal-kontenut użata għall-klassifikazzjoni tas-sentiment, l-emozzjoni, id-diżinformazzjoni possibbli, u karatteristiċi oħrajn tat-test, inkluża r-riċerka dwar l-estrazzjoni tal-informazzjoni minn ammonti kbar ta’ test b’ħafna lingwi. 

Is-sistema tal-analiżi tal-kontenut se tevalwa biss il-kontenut sottomess permezz tal-Pjattaforma għall-Involviment taċ-Ċittadini. Din se tinkludi tweġibiet psewdonimizzati għall-kwestjonarju soċjodemografiku u l-kontenut l-ieħor (pubblikazzjonijiet, kummenti, approvazzjonijiet, likes, voti) sottomessi fuq il-pjattaforma (inkluża metadata assoċjata bħall-mument meta tkun saret il-kontribuzzjoni). Huwa importanti li wieħed jinnota li s-sistema b’ebda mod mhi se tiġbor id-data personali meħtieġa għar-reġistrazzjoni (eż. l-isem, il-kunjom, l-indirizz tal-email) sakemm din ma tissemmiex b’mod espliċitu fil-kummenti, fil-pubblikazzjonijiet, u f’kontribuzzjonijiet pubbliċi oħrajn sottomessi mill-utenti nfushom. Kull utent se jiġi assenjat identifikatur uniku sabiex tiġi evitata l-possibbiltà għall-identifikazzjoni ta’ suġġett tad-data individwali.  

3. Ir-raġuni(jiet) legali għaliex nipproċessaw id-data personali tiegħek

1- L-ipproċessar huwa meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċitar ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-istituzzjoni jew lill-korp tal-Unjoni (l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament (UE) 2018/1725)  

L-ipproċessar tad-data personali huwa meħtieġ biex jiffaċilita l-operat u l-immaniġġjar tal-Pjattaforma għall-Involviment taċ-Ċittadini. 

Skont l-objettiv ġenerali tal-Artikolu 11(1) TUE li jitrawwem eżerċizzju demokratiku pan-Ewropew ewlieni u li ċ-ċittadini jinġiebu eqreb lejn l-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-obbligi ta’ ftuħ, trasparenza, u aċċessibbiltà stabbiliti mill-Artikolu 15 TFUE. 

Wieħed mill-objettivi tal-Kummissjoni huwa li tippromwovi d-demokrazija Ewropea u tipprovdi l-mezzi għaċ-ċittadini u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi biex l-opinjonijiet tagħhom fl-oqsma kollha ta’ azzjoni tal-Unjoni jagħmluhom magħrufin u jiskambjawhom pubblikament. Speċifikament, id-djalogi ċivili orizzontali għandhom il-potenzjal li jestendu u jsaħħu l-mudell Ewropew tad-demokrazija billi jrawmu dibattitu demokratiku multilingwi u jikkontribwixxu għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni kif ukoll iżidu l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għaċ-ċittadini.  

L-aħjar mod kif dawn l-objettivi jistgħu jintlaħqu huwa permezz ta’ pjattaformi diġitali li jippermettu l-iskambju orizzontali u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fl-attivitajiet demokratiċi u politiċi tal-Unjoni. Il-Pjattaforma għall-Involviment taċ-Ċittadini għandha tkun spazju fejn iċ-ċittadini jistgħu jaqsmu l-ideat tagħhom u jibagħtu kontribuzzjonijiet online, u sservi bħala ċentru u bħala forma ġdida ta’ forum pubbliku multiparteċipattiv, li huwa l-aktar ambjent adattat għall-iskambju ta’ proposti għaċ-ċittadini u għas-soċjetà ċivili. Hija spazju għall-identifikazzjoni u r-riflessjoni u l-bini fuq il-valuri, il-prinċipji, u l-objettivi tal-proġett Ewropew, il-ħolqien ta’ sfera pubblika Ewropea billi tgħin biex jingħalaq id-distakk bejn dawk li jfasslu l-politika u ċ-ċittadini u jiġi sfruttat il-potenzjal għal parteċipazzjoni sinifikanti miċ-ċittadini.

L-azzjonijiet ta’ komunikazzjoni marbutin ma’ prijoritajiet ta’ komunikazzjoni annwali jew pluriennali speċifiċi skont id-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-President tal-Kummissjoni, huma kkunsidrati bħala kompiti li jirriżultaw mill-prerogattivi tal-Kummissjoni fil-livell istituzzjonali, kif previst fl-Artikolu 58(2)(d) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1). 

2 - Is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar tad-data personali tiegħu għal għan speċifiku wieħed jew aktar (l-Artikolu 5(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 2018/1725)  

Għall-attivitajiet speċifiċi ta’ pproċessar, il-kunsens tas-suġġett tad-data huwa meħtieġ. F’konformità mal-Artikolu 3(15) u l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2018/1725, il-kunsens irid jingħata b’mod liberu, speċifiku, infurmat, u mhux ambigwu. 

Il-kunsens tiegħek huwa meħtieġ biex: 

  • tirreġistra u jkollok aċċess għall-Pjattaforma għall-Involviment taċ-Ċittadini
  • tipparteċipa fl-attivitajiet online tal-Pjattaforma għall-Involviment taċ-Ċittadini (eż. is-sottomissjoni ta’ kontribuzzjonijiet fuq il-Pjattaforma għall-Involviment taċ-Ċittadini)
  • tirċievi newsletter permezz tas-sistema tal-Kummissjoni “Newsroom” (referenza tar-reġistrazzjoni DPR-EC-03928)

Ksibna l-kunsens tiegħek direttament mingħandek waqt li kont qed tirreġistra għall-Pjattaforma għall-Involviment taċ-Ċittadini.

4. Liema data personali niġbru u nkomplu nipproċessaw

Skont iċ-ċirkostanzi u l-attività tiegħek fuq il-pjattaforma, il-Kontrollur tad-Data jista’ jiġbor u jkompli jipproċessa l-kategoriji ta’ data li ġejjin: 

1 - Data miġbura mingħand l-utenti kollha (reġistrati jew mhux reġistrati): identifikaturi online (indirizz IP u ID tal-apparat), miġbura biss għal miżuri ta’ sigurtà.  

Meta tidħol f’website tal-Kummissjoni Ewropea, il-Kummissjoni tirċievi bħala rekwiżit tekniku essenzjali l-indirizz tal-Protokoll tal-Internet (indirizz IP) jew l-ID tal-apparat użat biex taċċessa l-website.  

Mingħajr dan l-ipproċessar ma tkunx tista’ tistabbilixxi konnessjoni teknika bejn l-apparat tiegħek u l-infrastruttura tas-server miżmuma mill-Kummissjoni Ewropea u għalhekk ma tkunx tista’ taċċessa l-websites tal-Kummissjoni Ewropea. Għal aktar informazzjoni, ara r-reġistru dwar l-ipproċessar tad-data personali fid-dominju europa.eu, DPR-EC-00083.

2 - Data miġbura mingħand l-utenti kollha reġistrati:

Obbligatorja

  • l-isem u l-kunjom
  • l-isem bħala utent
  • l-indirizz tal-email 

Fakultattiva

  • data personali meħtieġa għal skopijiet ta’ statistika u rappurtar
  • il-ġeneru
  • in-nazzjonalità
  • il-grupp tal-età
  • il-pajjiż tar-residenza
  • l-impjieg
  • l-isfond edukattiv u professjonali
  • l-urbanizzazzjoni suġġettiva (żona rurali/metropolitana) 

3 - Kontenut ippubblikat mill-utent reġistrat (l-utenti reġistrati tal-pjattaforma jistgħu fi kwalunkwe każ jipprovdu informazzjoni addizzjonali, li partijiet minnha jista’ jkun fihom data personali): 

  • opinjonijiet u kontribuzzjonijiet oħrajn* sottomessi fuq il-Pjattaforma għall-Involviment taċ-Ċittadini
  • involviment, firxa, u fehmiet (eż. “likes” b’rabta ma’ proposti ta’ politiki, kummenti, jew kontribuzzjonijiet ta’ parteċipanti oħrajn)  

4 - Il-kategoriji ta’ data pproċessata mill-applikazzjoni tal-EU Login (IAMS) huma deskritti fir-rekord korrispondenti tal-protezzjoni tad-data DPR-EC-03187

* Għal din l-operazzjoni ta’ pproċessar, il-kontribuzzjonijiet jinkludu kwalunkwe idea, kumment, opinjoni, u pubblikazzjoni sottomessi mill-utenti tal-Pjattaforma għall-Involviment taċ-Ċittadini.

Minħabba s-sensittività li jista’ jkollha d-data tiegħek, nagħtuk parir li żżomm għajnejk miftuħin meta tkun qed tikkontribwixxi fuq il-Pjattaforma għall-Involviment taċ-Ċittadini.

Tajjeb li tinnota li l-Kummissjoni la titlob u lanqas tistenna li l-utenti tal-Pjattaforma għall-Involviment taċ-Ċittadini jinkludu (i) kategoriji speċjali ta’ data skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament 2018/1725 (jiġifieri “data personali li tiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew sħubija fi trade union, u l-ipproċessar ta’ data ġenetika, data bijometrika sabiex tidentifika b’mod uniku persuna fiżika, data dwar is-saħħa jew data dwar il-ħajja sesswali u l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika”). Madankollu, minħabba n-natura tal-attivitajiet tal-Pjattaforma għall-Involviment taċ-Ċittadini, il-kontribuzzjonijiet li tippreżenta permezz tal-Pjattaforma għall-Involviment taċ-Ċittadini jistgħu jindirizzaw suġġetti u temi li, direttament jew indirettament, jiżvelaw informazzjoni dwar saħħtek, dwar il-konvinzjonijiet u t-twemmin politiku, filosofiku, jew reliġjuż, l-affiljazzjonijiet politiċi, il-ħajja sesswali jew l-orjentazzjoni sesswali, l-oriġini razzjali jew etnika tiegħek, jew saħansitra s-sħubija tiegħek fi trade union. Kwalunkwe inklużjoni ta’ dawn it-tipi ta’ data personali hija r-responsabbiltà tal-parteċipant.

F’dan il-każ l-ipproċessar mhuwiex ipprojbit, peress li l-kontribuzzjonijiet tiegħek jiġu pprovduti fuq bażi volontarja u d-data personali tiegħek tiġi pproċessata abbażi tal-kunsens espliċitu tiegħek u dan ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ interess pubbliku sostanzjali, abbażi tal-liġi tal-Unjoni (Taqsima 3.1) li hija proporzjonata għall-iskop segwit, jirrispetta l-essenza tad-dritt tal-protezzjoni tad-data, u jipprovdi miżuri adatti u speċifiċi biex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet u l-interessi fundamentali tiegħek skont l-Artikolu 10(2) (a) u (e) tar-Regolament 2018/1725.

5. Għal kemm żmien inżommuha d-data personali tiegħek?

Il-Kontrollur tad-Data jżomm id-data personali tiegħek biss għaż-żmien meħtieġ biex jintlaħaq l-għan tal-ġbir, jiġifieri sakemm tħassar l-abbonament tiegħek mil-lista postali. 

1 - Data personali meħtieġa għall-operat u l-immaniġġjar tal-Pjattaforma għall-Involviment taċ-Ċittadini

Id-data personali tiegħek li tinġabar għall-fini tar-reġistrazzjoni u li tkun ippubblikata fl-ambitu tal-Pjattaforma se tinżamm għal perjodu massimu ta’ sentejn wara l-aħħar jum ta’ attività tal-Pjattaforma għall-Involviment taċ-Ċittadini, u mbagħad id-data tiġi ttrasferita fl-arkivji storiċi tal-Kummissjoni.

2 - Rapporti, arkivji stampati u elettroniċi, inklużi r-rekords tal-ARES miżmumin mid-DĠ COMM

Ir-rekords stampati u elettroniċi kollha li jikkonċernaw il-korrispondenza ta’ kuljum, is-sejħiet għal proposti u/jew għal interessi flimkien mal-files kuntrattwali/finanzjarji li jirriżultaw kif ukoll ir-rapporti li jkun fihom id-data aggregata se jiġu arkivjati skont il-Lista Komuni ta' Ritenzjoni fil-Livell ta' Kummissjoni (SEC (2019) 900/2) u maħżuna fl-ARES (Sistema ta’ Rekords Avvanzati) taħt ir-responsabbiltà tas-Segretarjat Ġenerali għal perjodu ta’ għaxar (10) snin bl-applikazzjoni ta’ tekniki ta’ teħid ta’ kampjuni u għażla (ara r-rekord DPR-EC-3871 - Immaniġġjar tal-arkivji tal-Kummissjoni Ewropea).

6. Kif inħarsu u nissalvagwardjaw id-data personali tiegħek?

Id-data personali kollha f’format elettroniku (emails, dokumenti, bażijiet tad-data, lottijiet ta’ data applowdjati, eċċ.) jinħażnu fis-servers tal-Kummissjoni jew tal-kuntratturi tagħha. L-operazzjonijiet ta’ proċessar jitwettqu kollha skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2017/46 tal-10 ta' Jannar 2017 dwar is-sigurtà tas-sistemi ta' komunikazzjoni u informazzjoni fil-Kummissjoni Ewropea. 

Il-kuntratturi tal-Kummissjoni huma marbutin bi klawżola kuntrattwali speċifika għal kwalunkwe operazzjoni tal-ipproċessar tad-data personali f’isem il-Kummissjoni, u bl-obbligi ta’ kunfidenzjalità li jirriżultaw mir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data (GDPR). 

Biex tipproteġi d-data personali tiegħek, il-Kummissjoni daħħlet fis-seħħ diversi miżuri tekniċi u organizzattivi. Il-miżuri tekniċi jinkludu azzjonijiet xierqa biex jindirizzaw is-sigurtà online, ir-riskju tat-telf ta’ data, il-modifika ta' data jew l-aċċess mhux awtorizzat, filwaqt li jitqies ir-riskju ppreżentat mill-ipproċessar u n-natura tad-data personali li qed tiġi pproċessata. Il-miżuri organizzazzjonali jinkludu r-restrizzjoni tal-aċċess għal data personali għal persuni awtorizzati biss bi ħtieġa leġittima ta’ tagħrif għall-finijiet ta’ din l-operazzjoni tal-ipproċessar. 

7. Min għandu aċċess għad-data personali tiegħek u lil min tiġi divulgata?

L-aċċess għad-data personali tiegħek huwa pprovdut lill-persunal awtorizzat tal-Kummissjoni Ewropea u lill-kuntratturi tagħhom responsabbli għat-twettiq ta’ din l-operazzjoni ta’ pproċessar skont il-prinċipju tal-“ħtieġa ta’ tagħrif”. Tali staff għandu jirrispetta ftehimiet statutorji, u, fejn meħtieġ, ftehimiet addizzjonali ta’ kunfidenzjalità. 

L-istaff mandatat tas-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea involuti fil-Pjattaforma għall-Involviment taċ-Ċittadini għandhom aċċess għad-data personali miġbura permezz tal-Pjattaforma għall-fini tal-operat tal-Pjattaforma u tal-immaniġġjar ottimali tal-Pjattaforma kif ukoll għal azzjoni ta’ segwitu li tista’ tkun meħtieġa għal skopijiet ta’ aktar ipproċessar (eż. biex jiġu prodotti rapporti, biex isiru riċerka dwar l-analiżi tal-opinjoni pubblika u/jew l-arkivjar). Din d-data tista’ jinkludi data tar-reġistrazzjoni, identifikaturi online, data soċjodemografika, u l-kontributi kollha ppreżentati fuq il-Pjattaforma. Madankollu, huwa importanti li wieħed jinnota li d-data hija aċċessibbli biss fuq bażi ta’ “ħtieġa ta’ tagħrif”, speċifikament: 

  • It-tim tal-IT tal-Kummissjoni se jkollu aċċess għad-data li hija strettament meħtieġa biex jipprovdi appoġġ tekniku u loġistiku xieraq (eż. helpdesk, immaniġġjar tad-drittijiet ta’ aċċess, manutenzjoni tal-pjattaforma)
  • Il-moderaturi u l-utenti amministraturi se jkollhom aċċess għall-isem sħiħ u l-indirizz tal-email, kif ipprovdut matul ir-reġistrazzjoni.
  • Id-data soċjodemografika psewdonimizzata pprovduta mill-utenti se tkun disponibbli għall-istaff awtorizzat tal-JRC esklużivament għar-riċerka u l-analiżi tal-opinjoni
  • L-istaff mandatat tal-proċessuri tal-Kummissjoni (inklużi kuntratturi esterni) jista’ jiġi pprovdut bid-data rilevanti għalihom biex jipprovdu l-appoġġ loġistiku u organizzattiv meħtieġ (eż. il-manutenzjoni teknika tal-pjattaforma) u għat-twettiq ta’ obbligi oħrajn stabbiliti fl-arranġamenti bejn il-proċessuri esterni u l-Kummissjoni. Din d-data tista’ jinkludi data tar-reġistrazzjoni, identifikaturi online, u l-kontributi kollha ppubblikati waqt l-ipproċessar.
  • Il-pubbliku ġenerali se jkollu aċċess għall-informazzjoni murija fuq il-Pjattaforma għall-Involviment taċ-Ċittadini li tkun disponibbli għall-pubbliku.  

Tajjeb li tinnota li, skont l-Artikolu 3(13) tar-Regolament (UE) 2018/1725, l-awtoritajiet pubbliċi (eż. il-Qorti tal-Awdituri, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE) li jistgħu jirċievu data personali fil-kuntest ta’ inkjesta partikolari f’konformità mad-dritt tal-Unjoni jew tal-Istat Membru m’għandhomx jitqiesu bħala riċevituri. L-ipproċessar ulterjuri ta’ dik id-data minn dawk l-awtoritajiet pubbliċi għandu jkun f’konformità mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data skont l-għanijiet tal-ipproċessar. 

L-aċċess għad-data personali tiegħek jingħata lill-persunal tal-Kummissjoni responsabbli biex iwettaq din l-operazzjoni ta’ pproċessar u lill-persunal awtorizzat skont il-prinċipju tal-“ħtieġa ta’ tagħrif”. Tali staff għandu jirrispetta ftehimiet statutorji, u, fejn meħtieġ, ftehimiet addizzjonali ta’ kunfidenzjalità. 

L-informazzjoni li niġbru mhi se tingħata lil ebda parti terza, ħlief sal-punt u għall-iskop li nistgħu nkunu obbligati li nagħmlu dan bil-liġi. 

8. X’inhuma drittijietek u kif tista’ teżerċitahom? 

Għandek drittijiet speċifiċi bħala “suġġett tad-data” skont il-Kapitolu III (l-Artikoli 14-25) tar-Regolament (UE) 2018/1725. Fir-rigward ta’ din l-operazzjoni tal-ipproċessar, tista’ teżerċita d-drittijiet li ġejjin: 

  • id-dritt ta’ aċċess għad-data personali tiegħek (l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2018/1725);
  • id-dritt ta’ rettifika fil-każ li d-data personali tiegħek mhix preċiża jew mhix kompluta (l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2018/1725);
  • id-dritt tat-tħassir tad-data personali tiegħek (l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2018/1725);
  • fejn japplika, id-dritt tar-restrizzjoni tal-ipproċessar tad-data personali tiegħek (l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2018/1725);
  • id-dritt tal-portabilità tad-data (l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2018/1725);
  • u d-dritt li toġġezzjona għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek, li jitwettaq ġuridikament skont l-Artikolu 5(1)(a). 

Jekk ipprovdejt il-kunsens tiegħek lid-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni, l-Unità COMM.B.3, għal din l-operazzjoni ta’ pproċessar, tista’ tirtiraha fi kwalunkwe ħin billi tinnotifika lill-Kontrollur tad-Data. L-irtirar mhux se jaffettwa l-legalità tal-ipproċessar imwettaq qabel ma tkun irtirajt il-kunsens tiegħek.

Tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek billi tikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data, jew f’każ ta’ kunflitt lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data. Jekk ikun meħtieġ, tista’ tindirizza wkoll lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. L-informazzjoni ta’ kuntatt tagħhom tingħata fit-Taqsima 9.

Meta tixtieq teżerċita d-drittijiet tiegħek fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ pproċessar speċifika waħda jew aktar, jekk jogħġbok ipprovdi d-deskrizzjoni tagħhom (jiġifieri r-Referenza(i) tar-rekord tagħhom kif speċifikat fit-Taqsima 10) fit-talba tiegħek.

9. Informazzjoni ta’ kuntatt

  • Il-Kontrollur tad-Data

Jekk tixtieq teżerċita d-drittijiet tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, jew jekk għandek xi kummenti, mistoqsijiet jew tħassib, jew jekk tixtieq tressaq ilment rigward il-ġbir u l-użu tad-data personali tiegħek, jekk jogħġbok ħossok liberu li tikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data, id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, l-Unità COMM.B.3 (COMM-CITIZENS-ENGAGEMENT-DATA-PROTECTIONatec [dot] europa [dot] eu (COMM-CITIZENS-ENGAGEMENT-DATA-PROTECTION[at]ec[dot]europa[dot]eu)).

  • L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni

Dwar kwistjonijiet relatati mal-ipproċessar tad-data personali tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, tista’ tikkuntattja lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (DATA-PROTECTION-OFFICERatec [dot] europa [dot] eu (DATA-PROTECTION-OFFICER[at]ec[dot]europa[dot]eu)).

  • Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

Għandek id-dritt għal rikors (jiġifieri tista’ tressaq ilment) għand il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (edpsatedps [dot] europa [dot] eu (edps[at]edps[dot]europa[dot]eu)) jekk jidhirlek li nkisru d-drittijiet tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 b’riżultat tal-ipproċessar tad-data personali mill-Kontrollur tad-Data.

10. Fejn tista’ ssib informazzjoni iktar dettaljata?

L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (UPD) tal-Kummissjoni jippubblika r-reġistru tal-operazzjonijiet kollha ta’ proċessar tad-Data personali mill-Kummissjoni, li jkunu ġew iddokumentati u nnotifikati lilu. Tista’ taċċessa r-reġistru minn dan il-link: http://ec.europa.eu/dpo-register.

Din l-operazzjoni ta’ pproċessar speċifika ġiet inkluża fir-reġistru pubbliku tal-UPD b’ din ir-referenza tar-reġistrazzjoni: DPR-EC-23208.