Għaliex qed niddiskutu l-mibegħda fis-soċjetà?
L-Ewropa llum qed tesperjenza żieda allarmanti fid-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda. Il-mibegħda mhux biss tħalli impatt fuq l-individwi, il-gruppi u l-komunitajiet fil-mira diretta, iżda tista’ wkoll tippolarizza u xxekkel id-dibattitu demokratiku.
F’Diċembru 2023, il-Kummissjoni Ewropea adottat Komunikazzjoni bit-titlu “Ma hemmx post għall-mibegħda: Ewropa magħquda kontra l-mibegħda”. Din il-Komunikazzjoni tappella għal diskussjoni mmexxija miċ-ċittadini dwar modi kif nimxu mill-mibegħda u d-diviżjoni għat-tgawdija kondiviża tal-ugwaljanza, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità. Dawn huma valuri minquxa fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jirrappreżenta l-kuntratt soċjali li jżommna flimkien bħala ċittadini tal-UE.
Kif nista’ ningħaqad mad-dibattitu fl-UE kollha dwar l-indirizzar tal-mibegħda fis-soċjetà?
X’nistgħu nagħmlu dwar il-mibegħda u kif nistgħu nsaħħu r-rispett reċiproku fis-soċjetajiet tagħna? Għandek esperjenza personali jew idea x’taqsam dwar kif nistgħu nsaħħu r-rispett reċiproku fis-soċjetajiet tagħna? Għandek rakkomandazzjoni li tista’ tappoġġja l-ħidma futura tal-Kummissjoni Ewropea fil-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda?
Nixtiequ nisimgħu l-fehmiet tiegħek dwar l-indirizzar tal-mibegħda fis-soċjetà. Dan huwa l-ispazju għal dibattitu rispettuż fejn tista’ taqsam il-fehmiet tiegħek u tinvolvi ruħek ma’ ċittadini oħra.
Il-Kummissjoni kif se ssegwi l-ideat miġbura?
Il-kontributi kollha li jsiru fuq il-Pjattaforma, kif ukoll dawk li jirriżultaw mid-diskussjonijiet tal-Panel taċ-Ċittadini Ewropej, se jiġu analizzati mill-Kummissjoni Ewropea u jitqiesu fit-tħejjija ta’ politiki futuri.
Nindirizzaw il-Mibegħda: X'riskji hemm?
Filwaqt li mhuwiex faċli li jitkejjel id-daqs tal-mibegħda, xi ċifri jistgħu jkunu illustrattivi:
- It-tossiċità tal-mibegħda żdiedet bi 30% bejn Jannar u Settembru 2023 minn 8 miljun messaġġ online analizzati fl-UE.
- 55% tar-rispondenti għal stħarriġ tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali esperjenzaw diskriminazzjoni razzjali fl-UE aktar minn tliet darbiet mill-2022 sal-2023.
- Waħda minn kull tliet nisa esperjenzat vjolenza fiżika jew sesswali mill-inqas darba.
X’għamlet s’issa l-UE dwar din il-kwistjoni?
Il-qafas għal azzjoni kontra l-mibegħda fil-livell tal-UE jinkludi kemm inizjattivi regolatorji kif ukoll ta’ politika. Il-ħarsa ġenerali ta’ hawn taħt mhijiex eżawrjenti: segwi dan il-link biex taqra aktar dwar il-qafas legali u ta’ politika għall-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda fl-UE.
Miżuri eżistenti għall-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda
- Deċiżjoni Qafas tal-2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom ta’ espressjonijiet ta’ razziżmu u ksenofobija.
- Il-komunikazzjoni tal-2023 “Ma Hemmx Post għall-Mibegħda: Ewropa magħquda kontra l-mibegħda”
- Strateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-antisemitiżmu u s-sostenn tal-ħajja Lhudija
- Qafas strateġiku tal-UE għar-Rom għall-ugwaljanza, għall-inklużjoni u għall-parteċipazzjoni
- Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra r-Razziżmu
Miżuri biex jiġi indirizzat id-diskors ta’ mibegħda online illegali
Il-Panel taċ-Ċittadini Ewropej dwar l-Indirizzar tal-Mibegħda fis-Soċjetà ppreżenta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea
Matul tliet weekends 150 ċittadini magħżula b’mod aleatorju li jirrappreżentaw is-27 Stat Membru kollha tal-UE kienu qed jiltaqgħu biex jiddiskutu l-kawżi u dak li jixpruna l-mibegħda fl-UE u oqsma differenti ta’ azzjoni biex jindirizzawhom.
Flimkien, iċ-ċittadini ressqu serje ta’ rakkomandazzjonijiet konkreti li se jikkontribwixxu għat-tiswir tal-liġijiet futuri tal-UE u jikkontribwixxu għall-inizjattivi li ġejjin tal-Kummissjoni.